Navigate Up
Sign In

INAWGURAT L-EWWEL UFFIĊĊJU TAT-TURIŻMU FIL-KOTTONERA

Reference Number: PR1697, Press Release Issue Date: Aug 08, 2013
 
​Dalgħodu kien inawgurat l-ewwel uffiċċju tat-Turiżmu fil-Kottonera fis-sit tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Dan il-bini storiku li preżentament għaddej minn programm ta’ xogħol ta’ restawr issa se jkun qed jintuża wkoll għal skopijiet turistiċi. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ta’ Heritage Malta.
 
Il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif preżentament dan l-uffiċċju qed jassiti medja ta’ bejn ħamsin u sittin turist kuljum, bin-numri mistennija jiżdiedu fix-xhur tax-xitwa hekk kif huwa stmat li f’sena dan il-Palazz iżuruh mal-40,000 ruħ.
 
Dan huwa t-tmien uffiċċju tat-turiżmu li se jkun hawn mifrux mal-gżejjer Maltin biex joffri servizz ta’ għajnuna u informazzjoni lit-turisti, b’mod partikolari dwar postijiet ta’ interess fil-Kottonera. Uffiċcji oħra simili jinsabu fil-Belt Valletta, fl-Imdina, fl-Ajruport Internazzjonali, fil-Mellieħa, fil-Valletta Waterfront flimkien ma’ tnejn oħra f’Għawdex.
 
Il-Ministru Vella tkellem dwar il-pjan tal-gvern li minbarra li jiftaħ uffiċċji oħra ta’ informazzjoni f’lokalitajiet frekwentati mit-turisti fosthom f’Tas-Sliema, u fl-akwata ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar, jiżviluppa l-kunċett ta’ tourist information network fejn l-uffiċini kollha turistiċi ma jibqgħux joperaw fuq bażi individwali iżda jkunu networked biex jipprovdu lit-turist servizz ħolistiku. Dan il-proġett seta’ jkun possibli grazzi għall-koperazzjoni sħiħa li teżisti bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta.
 
Il-Ministru għat-Turiżmu ddawwar ukoll mal-Palazz fejn seta’ x-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin fuq diversi partijiet ta’ dan il-bini storiku, li jmur lura sas-seklu ħmistax. Kien spjegat kif Heritage Malta mistennija tkun qed timbarka fuq proġetti innovattivi li jippermettilha li tikkompeti fi swieq ġodda fil-qasam turistiku. Dan se jkun qed isir fost l-oħrajn bil-ħolqien ta’ faċilitajiet għal konferenzi żgħar li jistgħu jospitaw sa massimu ta’ sittin persuna.
 
Huwa ltaqa’ wkoll ma’ diversi impjegati ta’ Heritage Malta u studenti li qed isegwu kors fir-restawr ta’ bini storiku u li bħalissa qed jagħmlu esperjenza ta’ xogħol fil-Palazz tal-Inkwiżitur.
 
Fi tmiem iż-żjara l-Ministru għat-Turiżmu kien ippreżentat b’kopja ta’ ktieb dwar il-Palazz tal-Inkwiżitur li Heritage Malta ħarġet riċentament u li jinkludi tagħrif dettaljat dwar il-ħames mitt sena storja ta’ dan is-sit.
 
Jakkumpanjaw lill-Ministru għat-Turiżmu kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr. Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Dr. Joseph M. Buttiġieġ u s-Sindku tal-Birgu John Boxall.