Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR171014, Press Release Issue Date: Apr 20, 2017
 
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena n-numru ta’ ‘port calls’ u ‘passenger traffic’ aktar milli tripla meta mqabbel mal-aħħar sena sħiħa ta’ amministrazzjoni preċedenti
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Valletta Waterfront, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis elenka ċifri maħruġa dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena fejn ġew irreġistrati 34 port call minn vapuri tal-cruiseline fil-Port il-Kbir. Dawn il-vapuri wasslu f’pajjiżna ’l fuq minn 85,000 passiġġier. “Dan l-ammont ta’ passiġġieri fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu huwa wieħed bla preċedent,” stqarr il-Ministru għat-Turiżmu hekk kif laqa’ b’ħafna sodifazzjoni l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-figuri. Il-Ministru spjega li wara li s-sena l-oħra għalaqna b’figuri rekord fl-ammont ta’ passiġġieri li waslu f’pajjiżna permezz tal-cruiseliners, kollox qed juri li se jerġa’ jkollna sena eċċezzjonali għal dan is-settur tal-cruiselining.
 
Fl-ewwel kwart tas-sena l-oħra wkoll kienet reġistrata żieda qawwija fuq l-istess perjodu tal-2015, hekk kif kien hemm tkabbir ta’ 91% fl-ammont tal-passiġġieri. Madanakollu, din is-sena t-tkabbir kien ferm ikbar. In-numru ta’ port calls irdoppja filwaqt li n-numru ta’ passiġġiera aktar milli rdoppja. “Dan se jkun ta’ xprun sabiex il-mira li nilħqu l-ammont rekord ta’ 700,000 passiġġier sal-aħħar ta’ din is-sena tintlaħaq,” afferma l-Ministru Zammit Lewis.
 
Aktar minn hekk, il-figura mħabbra llum tikkonferma kemm matul din il-leġiżlatura dan is-settur tal-cruiselining ħa spinta qawwija ’l quddiem u ġie affermat kemm l-inizzjattivi li ħa dan il-gvern favur it-tisħiħ ta’ din l-industrija qed jagħtu l-frott. In-numru ta’ passiġġieri li waslu f’pajjiżna bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien it-triplu u nofs ta’ dak reġistrat bejn l-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti u kif ukoll sena meqjusa bħala waħda eċċezzjonali għas-settur tal-cruiselining f’Malta, spjega il-Ministru Zammit Lewis.
 
Il-Ministru kompla jgħid li meta tqabbel l-istess perjodi ssib li fl-ewwel kwart tas-sena 2012 waslu 929 passiġġier Amerikan, waqt li fl-istess perjodu ta’ din is-sena waslu 7,631. Naraw ukoll li l-passiġġieri Ġappuniżi żdiedu minn 174 għal 2,541 meta nerġgħu nqabblu l-istess perjodi. Is-suq Franċiż żdied minn 2,588 għal 11,000, filwaqt li l-passiġġieri Taljani żdiedu minn 3,674 għaċ-ċifra eċċezzjonali ta’ 21,400.
 
Is-sena l-oħra ġie mħabbar li mill-2017 kellhom jerġgħu jibdew l-operat tagħhom cruiseliners mill-kumpanija NCL Norwegian Cruiselining fil-port tagħna. “Din il-kumpanija bdiet topera minn Jannar li għadda u hu stmat li l-cruiseliners ta’ din il-kumpanija se jagħmlu 20 port call u jwasslu lejn Malta mal-45,000 passiġġier din is-sena,’’ qal il-Ministru għat-Turiżmu.
 
Minn dan ix-xahar t’April se nibdew nilqgħu għall-ewwel darba l-P&O Oceania kif kien imħabbar f’Ottubru tas-sena l-oħra. Dan il-cruiseliner ħa jopera minn pajjiżna permezz ta’ homeporting, jiġifieri l-cruise jibda u jispiċċa fil-port Malti. Dan il-cruiseliner mistenni jġib lejn il-port tagħna mal-100,000 passiġġier fuq fly & cruise programme. ‘”Nesiġi fuq l-importanza li nkomplu nattiraw aktar homeporting f’pajjiżna hekk kif dan jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni t’eċċellenza fit-turiżmu maħluq mill-cruiselining,” qal il-Ministru Zammit Lewis.
 
Il-Ministru kompla jgħid li l-industrija tal-cruiseliners tagħmel parti importanti ferm fl-istrateġija tat-turiżmu ta’ pajjiżna. Huwa stmat minn studju li kkumissjona l-Valletta Cruise Port, li l-industrija tal-cruiseliners tħalli qliegħ ta’ aktar minn €90 miljun fis-sena. Madanakollu l-impatt tat-turiżmu bil-cruiseliners imur aktar lil hinn minn dak ekonomiku dirett. “Il-ftit sigħat li l-passiġġieri jqattgħu f’pajjiżna huma l-akbar opportunità u vetrina sabiex nuru x’nistgħu noffru. Ħafna minn dawn il-passiġġieri jerġgħu jżuru lil pajjiżna għal btala itwal fi żmien sentejn jew tlieta minn meta ġew f’pajjiżna fuq cruise,” qal il-Ministru għat-Turiżmu.
 
Il-Ministru Zammit Lewis sostna li r-riżultati li qed jinkisbu f’dan is-settur jirriflettu l-ħeġġa kkordinata u kkolaborata mill-istakeholders kollha, partikolarment il-Valletta Cruise Port. “Dan hu suq mill-aktar kompettittiv,” stqarr il-Ministru. “Madanakollu jien kommess li nara li jkomplu jissaħħu l-isforzi kollha sabiex pajjiżna jibqa’ jagħmel suċċess f’dan is-settur tal-cruiselining billi nissoktaw niżviluppaw il-prodott tagħna u nippromwovu l-popolarità u l-attrazzjoni ta’ Malta u Għawdex bħala destinazzjoni ewlenija tal-cruises fiċ-ċentru tal-Mediterran.”
 
“Għaldaqstant inħares ’il quddiem b’entużjażmu lejn il-kumplament ta’ din is-sena fejn huwa antiċipat li jintlaħaq rekord assolut fin-numru ta’ passiġġieri li mistennija jaslu f’pajjiżna sal-aħħar tal-2017. Tul din il-leġiżlatura rreġistrajna sena rekord wara l-oħra f’dan is-settur tal-cruiselining u li dawn l-aħħar snin kienu fost l-aqwa li qatt ġew reġistrati għal din l-industrija tal-cruises,” ikkonkluda l-Ministru.
 
Is-Sur Paul Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li: “Nilqgħu dawn ir-riżultati pożittivi b’sodisfazzjon, m’aħniex se nieqfu u ngħidu li għamilna biżżejjed. Għall-kuntrarju, dawn ir-riżultati u  t-trends pożittivi jimluna b’kuraġġ u entużjażmu biex naħdmu għal aktar suċċessi. Flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u d-diversi entitajiet u kumpaniji involuti fl-industrija qed inkomplu naħdmu id f’id biex nattiraw aktar kumpaniji lejn pajjiżna u ntejbu dejjem aktar l-esperjenza għall-viżitaturi. F’dan  il-kuntest, it-twaqqif  tal-'Malta Cruise Forum’ ġab il-partijiet kollha interessati flimkien b’mod aktar organizzat u diġà qed iħalli l-frott mixtieq.”
 
“Valletta Cruise Port tkompli tistinka biex tagħti l-aqwa esperjenza lil kull wieħed mill-passiġġieri tagħha, kemm fil-port majestuż tagħha u kif ukoll f’pajjiżna. F’Marzu li għadda l-Valletta Cruise Port, għat-tieni sena konsekuttiva, ġiet mogħtija l-Premju tal-Aqwa Operatur ta’ Terminals minn Cruise Insight. Dan il-premju huwa f’gieħ is-servizz eċċellenti mogħti mill-port u l-iżvilupp kontinwu fil-faċilitajiet u s-servizzi tagħha f’dawn l-aħħar snin. Huma ġranet impenjattivi ħafna, però b’ħidma sfiqa nkomplu nagħtu l-esperjenza memorabbli li pajjiżna hu magħruf għaliha,” saħaq is-Sur Joseph Zammit Tabona, Chairman ta’ Valletta Cruise Port.