Navigate Up
Sign In

Tisbiħ taż-Żoni Turistiċi u Użu Tajjeb tal-Ħamsin Ċenteżmu

Sliema Promenade

 

Ir-riżultati fis-settur turistiku qed jiksru rekord wara l-ieħor u dan kollu huwa sors qawwi ta’ investiment barrani fl-ekonomija Maltija. Fil-fatt, din hija l-ewwel darba li qbiżna ċ-ċifra ta’ miljun turist irreġistrati fl-ewwel seba’ xhur tas-sena 2016 li ssarrfet f’żieda ta’ kważi 10% fuq dak irreġistrat bejn Jannar u Lulju tas-sena l-oħra. Madankollu, biex Malta u Għawdex jibqgħu attrazzjoni turistika b’saħħitha, il-Gvern irid jara li l-prodott turistiku jkun wieħed ta’ kwalità għolja billi jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż u proġetti turistiċi oħrajn b’mod konsistenti.
 
Huwa proprju dan ix-xogħol li qed tagħmel il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FIŻT) fejn apparti li diġà ġew investiti aktar minn €100,000 f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni, fil-futur qrib mistenni li jiġi installat open air gym f’Tas-Sliema b’investiment ta’ €12,000 u €150,000 oħra se jintefqu fl-2017 biex tiżdied l-aċċessibbiltà fil-promenade ta’ San Pawl il-Baħar.
 
 
Amministrazzjoni tal-fondi mill-ekokontribuzzjoni
 
Fuq kif se jintużaw il-fondi mill-kontribuzzjoni ambjentali ta’ €0.50 li kull turist ta’ aktar minn 18-il sena għandu jħallas għal kull lejl li jqatta’ f’pajjiżna, fl-2017 il-Gvern se jibda jimplimenta proġetti li se jiġu ffinanzjati mill-ġbir tal-ekokontribuzzjoni. Dawn il-fondi se jkunu amministrati bil-għan li l-proġetti kollha jiġu implimentati mill-FIŻT. Apparti dan, il-Fondazzjoni se tkun qed tressaq ukoll xi proposti sabiex jiġu kkunsidrati għal finanzjamet u jekk isiru, għandhom jagħtu nifs ġdid liż-żoni turistiċi fit-Tramuntana, fiċ-Ċentru u fin-Nofsinhar ta’ Malta.
 
Il-mekkaniżmu tal-ġbir tal-ekokontribuzzjoni għadu kif ġie varat u sal-aħħar ta’ din is-sena naraw l-ewwel riżultati finanzjarji sabiex kmieni s-sena d-dieħla jiġu mħabbra l-ewwel proġetti li se jiġu ffinanzjati. Fil-fatt, bħalissa, il-Ministeru għat-Turiżmu qed jibni l-qafas għall-amministrazzjoni ta' dan il-fond biex tkun tista’ taħdem u topera.
 
Proċess biex jitjiebu l-latrini pubbliċi
 
Il-Fondazzjoni se tkun qed taħdem biex tvara proċess tal-procurement sabiex il-latrini pubbliċi jiġu mtejba filwaqt li jingħata servizz kontinwu u aktar professjonali. Beda x-xogħol fuq il-proġett pilota li għandu jwassal sabiex kmieni s-sena d-dieħla jkun hemm kuntrattur magħżul sabiex jagħmel dan ix-xogħol.
 
Wara dan, se jibda proċess sabiex isir l-istess fuq iż-żoni l-oħra ta’ Malta. Dan hu proġett li qed jitwettaq fuq il-mudell ta’ Public Private Partnership u l-Fondazzjoni qed tagħmlu flimkien mad-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
  
Investiment qawwi f’diversi żoni turistiċi
 
 
Saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ fiż-żoni turistiċi, fosthom street furniture fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn, foreshore decking u dwal tat-triq f’Wied iż-Żurrieq, installazzjoni ta’ fustun fil-promenade tal-Għadira, street furniture u installazzjoni ta’ fustun minn fejn il-jetty ta’ Buġibba sal-Qawra, sistema ta’ irrigazzjoni u tħawwil ta’ siġar tul il-promenade ta’ San Ġiljan u street furniture u tħawwil ta’ siġar u embellishment ħdejn il-ferries f’Tas-Sliema. Bla dubju, tul dawn l-aħħar xhur li ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni, ix-xogħol tagħha diġà beda jħalli l-frott tiegħu u jawgura tajjeb għall-futur sabiex inkomplu ntejbu l-prodott turistiku lokali u nagħmlu l-Malta destinazzjoni turistika ewlenija.
Il-Fondazzjoni għadha kif lestiet numru ta’ proġetti ta’ tisbiħ f’żoni turistiċi prominenti fosthom f’Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, Wied il-Għajn u Wied iż-Żurrieq. Proġett ieħor li sar fin-Nofsinhar ta’ Malta kien il-mixja kulturali li ġiet varata riċentement f’Birżebbuġa.
Permezz ta’ inizjattiva oħra li ħadet l-Fondazzjoni flimkien mal-Malta Communications Authority is-sajf li għadda, beda jiġi offrut servizz ta’ WiFi bla ħlas f’sitt bajjiet prinċipali madwar Malta u Għawdex. Dan is-sajf żdiedu żewġ konnesjonijiet tal-WiFi oħra, f’Qawra Point ta’ Fra Ben u Marsalforn Għawdex, u se ssir ħidma sabiex dawn il-konnessjonijet tal-WiFi fil-bajjiet tagħna jkomplu jiżdiedu.
 
Aktar sigurtà u serħan il-moħħ
Is-sigurtà u s-serħan il-moħħ fiż-żoni turistiċi huma aspett ieħor li ħadmet fuqu qatigħ il-Fondazzjoni matul dawn l-aħħar 12-il xahar. Infatti, proġett li ġie varat ftit tax-xhur ilu kien dak tal-introduzzjoni tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema. “Ir-rwol tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi se jkun estiż u se jkollhom ħiliet differenti minn membri oħra tal-pulizija, għalhekk ġew imħarrġa sabiex ikunu jistgħu jassistu lit-turisti u jgħaddulhom l-informazzjoni li jkollhom bżonn, kif wkoll li jiżguraw is-sigurtà kemm tat-turisti kif ukoll tal-Maltin. Il-Fondazzjoni qiegħda tħallas għal dan it-taħriġ kif ukoll għall-ħin li l-pulizija joperaw f’dawn iż-żoni; operat li matul l-2016 se jiswa mad-€90,000.
Il-Fondazzjoni qiegħda wkoll tħallas sabiex ikun hemm ambulanzi stazzjonati f’Paceville u fiż-żona ta’ Buġibba matul tmiem il-ġimgħa. Dan qed isir sabiex nassiguraw aktar serħan il-moħħ fejn tidħol għajnuna primarja kif ukoll assistenza medika jekk jinqala’ l-bżonn. Il-motiv tal-Fondazzjoni hu li, apparti li tinvesti fil-manutenzjoni u titjib tal-postijiet, tipprevjeni li jkun hemm attivitajiet li jaf iħallu impatt negattiv fuq l-esperjenza tat-turisti.
 
Dħul ta’ €886 miljun fi nfiq turistiku
Huwa tassew interessanti li ninnutaw li l-wasliet tat-turisti rreġistrati bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena żdiedu bi kważi 280,000 meta kkomparat mal-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa tal-Gvern preċedenti, u li tfisser żieda ta’ 35.5%.
F’dawn l-istess xhur imsemmija rreġistranja tkabbir fis-swieq turistiċi kważi kollha fejn jispikkaw żidiet sostanzjali fis-swieq ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iskandinavja, l-Istati Uniti u partikolarment dak ta’ Spanja li rrekordja tkabbir ta’ 22.4%. Bejn Jannar u Lulju kellna dħul ta’ €886 miljun fi nfiq turistiku dirett, €45.1 miljun aktar minn dak irreġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra. 


 Contact Information:

 Contact Name 
Foundation for Tourism Zone Development
Ministry for Tourism
233, Republic Street
Valletta  VLT 1116

 
 Telephone
+356 2291 5038 

 
 Email