Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR190470, Press Release Issue Date: Mar 07, 2019
 

Malta għall-ewwel darba fost l-aqwa 10 destinazzjonijiet għal turisti LGBTI+

Malta mhux biss fil-quċċata Ewropea għad-drittijiet tal-persuni LGBTI+, iżda issa fost l-aqwa 10 destinazzjonijiet f'din in-niċċa turistika importanti.

Dan jirriżulta mill-indiċi tal-i​​vvjaġġar tas-sit elettroniku ta' reputazzjoni internazzjonali Spartacus li joffri pariri dwar l-ivvjaġġar għall-komunità LGBTI+.

Dan is-sit ipoġġi lil Malta fir-raba' post b'9 punti minn 10, wara l-Kanada, l-Portugall u l-Iżvezja. Qabża sostanzjali mill-2018 meta pajjiżna klassifika fil-21 post.

Apparti kisbiet importanti ħafna bħal-liġi li ntroduċiet iż-żwieġ ugwali għal kulħadd, is-sit Spartacus jattribwixxi dan ir-riżultat pożittiv għall-fatt li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kriminalizzat kwalunkwe forma ta' prattiċi ta' konverżjoni jew ir-riklamar tagħhom.

Din l-aħbar issegwi l-organizazzjoni tal-ewwel summit għat-turiżmu LGBTI+ f'pajjiżna, li sar f'Novembru li għadda flimkien mal-entità multinazzjonali ITB Berlin, bis-sehem ta' esperti internazzjonali fil-qasam tat-turiżmu.  

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-ministeru għandu r-responsabbiltà li jiżgura d-drittijiet taċ-ċittadini kollha u li jkattar il-ġid grazzi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż. Din il-ħidma llum tat ħafna frott u fost l-oħrajn, Malta kull ma tmur qiegħda ssir iżjed rikonoxxuta bħala l-pajjiż tal-libertajiet ċivili u l-ugwaljanza li hu miftuħ għall-kummerċ u l-iżvilupp. Mhux b'kumbinazzjoni allura li l-qasam turistiku wkoll qed jibbenefika minn dan l-interess għax Malta hi pajjiż li joffri kemm il-ġmiel naturali u d-divertiment, kif ukoll ir-rispett lejn kulħadd, inkluż it-turisti LGBTI+ u minoranzi oħra. Bi sħab bejn id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se nkunu dalwaqt qed inniedu kampanja ndirizzata lejn in-negozji biex dawn ikunu mħejjija aħjar sabiex itejbu l-mod kif jilqgħu turisti diversi, huma min huma, u huma kif inhuma.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan it-tragward ieħor milħuq u faħħar bosta inizjattivi li qed isiru fis-settur tat-turiżmu sabiex Malta tkun destinazzjoni ideali għal kulħadd. Żied jgħid li huwa importanti li nibqgħu ffukati fuq il-prodott lokali u jkomplu jiġu mħarsa niċeċ tursitiċi differenti, sabiex inkomplu nnaqqsu l-istagjonalità, hekk kif l-istatistika qed tirrifletti dan permezz ta' rekords u tragwardi ġodda milħuqa, anki fi żmien fejn normalment it-turiżmu jonqos.​