Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR192277, Press Release Issue Date: Oct 25, 2019
 
 Proġett ta' 2 miljun ewro fid-daħla tal-Isla

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi llum ħabbar dettalji dwar miżura oħra tal-Baġit 2020; il-proġett tad-daħla tal-Isla, b’investiment ta’ madwar 2 miljun ewro. Il-proġett ser isir mill-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, u jinkludi restawr u tisbieħ f’żoni li ma kienux aċċessibbli għan-nies, u li jistgħu jgħollu l-valur turistiku tal-lokalità tal-Isla.

L-ewwel fażi se tikkonsisti f'restawr tad-daħla u s-swar ta' San Mikiel, kif ukoll restawr tal-gardjola u l-arloġġ ikoniku tal-Isla, f’firxa ta’ 24,000 metru kwadru.

It-tieni fażi se tinkludi t-tisbieħ tal-pjazza, id-daħla u l-parkeġġ bi 3000 metru kwadru ta’ pavimentar, kif ukoll it-tibdil tas-servizzi eżistenti. F’din il-fażi wkoll se tingħata dehra aħjar lill-binja tal-klabb tal-boċċi, filwaqt li se jitjieb l-aċċess mill-pjazza għal ħdejn l-iskola. Il-klabb tal-boċċi se jiġi rilokat biex tinħoloq pjazza ġdida taħt il-Belvedere, li se jkollu aċċess permezz ta’ taraġ ġdid, kif ukoll aċċess differenti għall-anzjani u persuni b’diżabbilità permezz ta’ lift.

Huwa mistenni wkoll li jiġi maħluq mill-ġdid il-volum tal-imħażen kif kienu oriġinarjament fl-antik, u ser tinbena struttura tal-ħadid li toffri passaġġ addizzjonali fuq il-parti ta’ fuq il-Belvedere. Il-paviment tal-pjazza u tad-daħla se jservu bħala traffic-calming measures, kif ukoll se jkollhom fakultà li tindika kif kienet l-istruttura tad-daħla tal-Isla oriġinarjament. 

L-applikazzjoni għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tinsab fil-proċess tal-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Sal-aħħar tas-sena, mistennija toħroġ is-sejħa għax-xogħlijiet tal-proġett. Il-proġett kollu huwa mistenni li jkun lest fi żmien 18-il xahar minn meta jibda x-xogħol. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li l-għan ta’ dan il-proġett huwa sabiex jogħla ‘l fuq il-livell tal-għajxien tan-nies tal-Isla u l-madwar, ​​filwaqt li jiġu esposti għat-turisti żoni ġodda li huma mill-isbaħ u ta’ wirt storiku. Permezz ta’ niċeċ turistiċi ġodda bħal dawn fil-Kottonera, se nkunu qed ngħollu l-prodott Malti fin-nofsinhar ta’ Malta wkoll.