Navigate Up
Sign In

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR192375, Press Release Issue Date: Nov 06, 2019
 
 
Manchester United u Visit Malta b’avveniment waqt il-World Travel Market f’Londra

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jinsab Londra flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mal-Air Malta u ma’ uffiċjali mill-ministeru għall-fiera World Travel Market, li hi l-akbar fiera internazzjonali li tiġbor fiha stakeholders differenti tat-turiżmu minn madwar id-dinja.

Fuq l-istand imtella’ minn Visit Malta, ittellgħet attività flimkien ma’ Manchester United li għaliha attenda l-plejer leġġenda Wes Brown. Dan seħħ hekk kif f’Settembru li għadda l-Ministeru għat-Turiżmu u Visit Malta saru uffiċjalment Official Destination Partners ta’ Manchester United.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-preżenza ta’ Wes Brown fuq l-istand tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkompli tikkonferma kemm il-ftehim ma’ Manchester United hu serju u bi pjan u li mistenni nkomplu naraw il-frott tiegħu f’serje ta’ opportunitajiet oħra kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. L-isħubija mhix waħda li tagħti lil Malta sempliċiment reklamar fil-grawnd ta’ tim prestiġjuż iżda għandha numru ta’ benefiċċji oħra bħal assistenza u preż​​enza f’konferenzi u l-użu taċ-channels internazzjonali tal-klabb internazzjonali. Dan bil-għan li nilħqu swieq ġodda, fosthom dawk mill-Asja, l-Amerika, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Lvant Nofsani b’koerenza mal-objettivi tal-Istrateġija għat-Turiżmu 2025 li qed tiġi mfassla mill-gvern bħalissa.

Din il-fiera internazzjonali tiġbor fiha rappreżentanti ewlenin mis-settur tat-turiżmu minn madwar id-dinja u proprju Wes Brown ingħaqad mal-kontinġent Malti bil-għan li tingħata promozzjoni lil Malta f’din il-fiera prestiġjuża.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi u miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia fost uffiċjali oħra.​
​​