Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR192442, Press Release Issue Date: Nov 13, 2019
 
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jlaqqa’ l-linji tal-ajru Ewropej u dawk ibbażati Malta fi Brussell biex jiddiskutu tnaqqis tal-emissjonijiet 

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi laqqa’ ġewwa Brussell numru ta’ linji tal-ajru Ewropej u dawk li għandhom bażijiet f’Malta, fosthom Air Malta, Med Air u Malta Air, fejn ipparteċipaw f’Industry Roundtable Meeting mal-Airlines for Europe (A4​​E), kif ukoll ġew diskussi miżuri dwar kif linji tal-ajru jistgħu jieħdu miżuri aktar favur l-ambjent. Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm numru ta’ rappreżentanti oħra fosthom rappreżentanti tal-Airlines for Europe(A4E), Boeing, u l-European Travel Commission.

Għal din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li saħaq dwar l-importanza li l-linji tal-ajru jeqilbu għal ajruplani aktar moderni u li jniġġsu inqas. Huwa spjega kif il-Gvern Malti qiegħed jisħaq mal-linji tal-ajru li joperaw minn Malta sabiex joperaw b’ajruplani aktar moderni. Fil-fatt, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta għaddejja bi programm ta’ tiġdid tal-vetturi (fleet replacement) sabiex tibdel il-flotta tagħha għal A320 neos – li jniġġsu madwar 20% inqas u huma aktar fuel efficient. Min-naħa tagħha, il-Malta Air ser tkun qiegħda tibdel l-ajruplani tagħha għal ajruplani aktar moderni u li jniġġsu inqas. Dawn huma miżuri importanti għal pajjiżna hekk kif Malta rreġistrat żieda ta’ 74% fit-traffiku tal-ajru mill-2012, hekk kif il-konnessjonijiet minn pajjiżna komplew jiżdiedu sena wara sena.

Il-Ministru Mizzi stqarr ukoll li l-miżuri dwar l-avjazzjoni huma importanti ħafna għal Malta hekk kif Malta huwa pajjiż li jiddependi ħafna mill-konnettività bl-ajru. Huwa għalhekk li Malta trid tassigura s-sostenibbiltà tas-settur mingħajr ma timmina t-tkabbir ekonomiku li qiegħed jirreġistra pajjiżna. 

Waqt il-laqgħa, il-linji tal-ajru esprimew it-tħassib tagħhom dwar proposta li qed issir minn disa’ pajjiżi li qed jissuġġerixxu taxxa ġdida fuq l-avjazzjoni. Il-ministru spjega li hemm metodi ferm aħjar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u li ma jinvolvu l-ebda taxxi ġdida. Huwa qal li l-ministeru jemmen li permezz ta’ aktar koordinazzjoni Ewropea bejn l-aġenziji tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru nnaqqsu iżjed l-emissjonijiet. Nemmnu wkoll li hemm bzonn ta’ aktar użu ta’ fjuwil aktar favorevoli għall-ambjent fl-avjazzjoni.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi tkellem ukoll fl-isfond ta’ dak li  qed tagħmel Malta mill-aspett ta’ Climate Friendly Travel,  fejn flimkien ma’ SunX, Malta ser tkun qed taħdem mal-imsieħba soċjali fis-setturi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu sabiex tipproponi u jiġu implimentati miżuri favur it-tibdil fil-klima. Dan se jippermetti lill-industrija turistika tkun proattiva biex tasal għal soluzzjonijiet prattiċi li jnaqqsu il-marka tal-karbonju (carbon footprint) tagħhom. Fost il-miżuri li qegħdin jittieħdu, bħalissa għaddejja ħidma fuq sistema  b’teknoloġija ta’ blockchain li tipermetti kumpaniji globali u organizazzjonijiet lokali jkejlu l-marka tal-karbonju waqt l-ivvjaġġar tagħhom. 

Dan kollu fi sfond fejn l-Unjoni Ewropea ser tkun qiegħda tieħu miżuri ġodda dwar it-tibdil fil-klima.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi u uffiċjal mill-ministeru Alex Cutajar.

​​

30 day Evaluation period has expired on 14/11/2019 09:49:06!
Evaluation Version (© 2015 AMREIN ENGINEERING AG)