Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

Reference Number: PR200069, Press Release Issue Date: Jan 22, 2020
 

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli żżur il-Valletta Cruise Port – il-kumpanija li topera il-cruise liner terminal f’Malta

L-industrija tal-cruise liners f’pajjiżna kulma jmur qed tkompli dejjem tikber, u hu mistenni li sal-aħħar ta’ din is-sena din l-industrija tattira mad-900,000 passiġġier. Dan ġie spjegat mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Valletta Cruise Port Stephen Xuereb, waqt żjara li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għamlet lill-management ta’ din il-kumpanija.

Il-Kap Eżekuttiv qal kif matul is-snin inħass il-bżonn li l-Port il-Kbir, wieħed mill-aktar popolari fl-Ewropa, jiġi mmodernizzat u attrezzat bl-aħjar mod sabiex jilqa’ fih vapuri li l-għamla tagħhom kompliet dejjem tikber sabiex jifilħu numru akbar ta’ passiġġieri. Huwa spjega kif il-kumpanija se tkun qed tagħmel investiment sostanzjali bi proġetti, fosthom l-estenzjoni tal-mollijiet Pinto 4 u Pinto 5, il-landings ta’ Lascaris, kif ukoll dak ta’ tined ġodda għar-ristoranti li bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol fuqhom. Is-Sur Xuereb esprima l-viżjoni tiegħu li fi żmien qasir Malta tilħaq il-miljun passiġġier f’sena.

Min-naħa tagħha, l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli sostniet kif din l-industrija hija waħda importanti minħabba l-impatt sostanzjali fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Hija qalet li min-naħa tagħha se tiżgura li bħala gvern tingħata l-għajnuna kollha neċessarja sabiex din l-industrija tkompli tissaħħaħ. Hija faħħret ukoll il-fatt li sas-sena 2027, 22% tal-vapuri l-ġodda se jkunu qed joperaw bil-Liquefied Natural Gas, l-LNG u kif qed titħejja l-infrastruttura neċessarja fid-dawl ta’ dan. Qalet ukoll kif tinsab kommessa li dan il-gvern ikun fuq quddiem nett sabiex jintroduċi inizjattivi li jagħmlu dan is-settur wieħed sostenibbli fil-qasam tal-ambjent.​


30 day Evaluation period has expired on 22/01/2020 15:49:33!
Evaluation Version (© 2015 AMREIN ENGINEERING AG)