Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Reference Number: PR200101, Press Release Issue Date: Jan 27, 2020
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli tiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA
Waqt laqgħa li kellha mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet lil din l-assoċjazzjoni bħala stakeholder ewlieni f’din l-industrija importanti f’pajjiżna. Hija faħħret l-inizjattivi li din l-assoċjazzjoni kontinwament tieħu sabiex tirrappreżenta bl-aħjar mod id-diversi ristoranti u lukandi li nsibu madwar pajjiżna. 

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet dwar kif wasal iż-żmien li ma nħarsux biss lejn in-numri imma wkoll lejn il-kwalità tat-turist. Tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-ħaddiema jikkomunikaw b’mod tajjeb mat-turisti meta jkunu qed joffru s-servizz tagħhom f’ristorant jew lukanda. Semmiet kif l-ITS qed tipprepara ħaddiema tal-ogħla livell sabiex joffru l-aqwa servizz lit-turisti li jżuru pajjiżna. 

Il-President tal-MHRA Tony Zahra spjega l-importanza ta’ pjan fit-tul fil-qasam turistiku u wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-assoċjazzjoni u l-ministeru għandhom viżjoni komuni. 

Huwa stqarr li l-assoċjazzjoni ser tkompli timbotta ‘l quddiem l-element ta’ għaqda u armonija bejn il-lukandi u r-ristoranti għax b’hekk biss jista’ jkompli jiġi żgurat li l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna tkompli tkun waħda sostenibbli. 

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu  Johann Buttigieg kif ukoll iċ-Ċermen tal-istess Awtorità Gavin Gulia. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi.​

​​​​​