Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA ​

Reference Number: PR200235, Press Release Issue Date: Feb 13, 2020
 
Id-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tħabbar riforma fis-settur tal-lattrini pubbliċi 

Waqt żjara li għamlu lill-ħaddiema u lit-tmexxija tad-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretaru Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista rrikonoxxew ix-xogħol li qed isir minn din id-diviżjoni li tħaddem mal-590 impjegat. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol li qed tagħmel id-diviżjoni u spjegat kif minkejja l-isfidi li ssib quddiemha, sar avvanz kbir fosthom fejn jidħol it-tindif ta' bajjiet u żoni turistiċi. Qalet iżda li fadal ħafna iżjed progress xi jsir u dan irid jibda minn livell lokali permezz ta' kampanji edukattivi. Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet ukoll dwar l-importanza li filwaqt li jkompli jitqajjem għarfien dwar l-indafa jeħtieġ li jiżdied l-infurzar madwar il-pajjiż kollu. Hija ħabbret proġett pilota fis-settur tal-lattrini pubbliċi. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega kif id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se tkun qed tinvesti f'kampanji edukattivi sabiex inkomplu nedukaw lill-poplu, bl-iskop li l-iskart illegali dejjem jonqos. Huwa żied jgħid li l-problema tal-indafa mhijiex ġejja minn mentalità ħażina biss. "Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni l-popolazzjoni densa ta' pajjiżna. Id-domanda għas-servizzi ta' din id-diviżjoni żdiedet drastikament dan minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, l-ammont kbir ta' turisti li jżuru pajjiżna u l-avvanz kbir fl-ekonomija tal-pajjiż li kollha jwasslu għall-iktar konsum li sussegwentament iwassal għall-iktar skart". Deo Debattista tkellem fuq investiment li se jsir f'apparat ġdid, eco-friendly, li ser iwassal sabiex is-servizzi offruti minn din id-diviżjoni, fosthom it-tneħħija ta' graffiti, jkomplu jingħataw fl-iqsar ħin possibbli.​​ 

Min-naħa tiegħu, id-direttur ġenerali tad-diviżjoni għat-tindif u l-manutenzjoni s-Sur Ramon Deguara qal li r-riforma li se ssir fis-settur tal-lattrini pubbliċi se tibda l-ewwel bi proġett pilota biex ikun żgurat l-aħjar servizz possibbli. Huwa qal ukoll li minbarra din ir-riforma kommess li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn id-diviżjoni u l-awtoritajiet ikkonċernati biex problemi komuni jkunu jistgħu jissolvew immedjatament. Is-Sur Deguara sostna wkoll dwar il-ħtieġa li tingħata iktar għajnuna lill-kunsilli lokali kkonċernati u tiżdied il-frekwenza ta' tindif fiż-żoni turistiċi. 

30 day Evaluation period has expired on 18/02/2020 14:26:38!
Evaluation Version (© 2015 AMREIN ENGINEERING AG)