Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Reference Number: PR200490, Press Release Issue Date: Mar 14, 2020
 
Helpline u linji gwida għat-turisti

​​​Illum ġie mniedi helpline mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur bl-għan li jassisti lit-turisti, lill-lukandiera u nies fl-industrija f’mistoqsijiet b’rabta mal-COVID-19. Ftit tal-ġranet ilu l-istess awtorità bgħatet numru ta’ linji gwida lil kull lukanda liċenzjata għal aktar għarfien dwar is-suġġett. Madankollu, bil-għan li t-turisti jkunu assistiti b’mod aktar veloċi u dirett f’sitwazzjoni volatili, inħoloq il-helpline 21692447 u kif ukoll email: tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.

Sadanittant, dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, żaret numru ta’ lukandi flimkien mal-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Segretarju Permanenti tal-istess ministeru, bil-għan li jkun hemm għarfien xieraq għat-turisti u jiġi evitat l-abbuż. Waqt dawn il-laqgħat li għalihom kien hemm preżenti il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti, is-Sur Andrew Agius Muscat, ġie spjegat kif b’effett immedjat, kull passiġġier, minn kull nazzjonalità, li ġej minn kwalunkwe pajjiż kemm bl-ajru u kemm bil-baħar lejn Malta u Għawdex, huwa mitlub li jsegwi 14-il ġurnata ta’ kwarantina obbligatorja suġġetti għal-liġi ta’ Malta bil-multi ta’ €1,000 imposti lejn dawk li ma jsegwux.

​Fost il-linji gwida hemm ukoll noti li jispjegaw kif turist għandu jesegwixxi kwarantina u jara li mal-wasla tiegħu jiżguraw li ma joħroġx mill-kamra taħt l-ebda ċirkostanza. Turist m’għandux iħalli l-kamra wisq aktar jekk jiżviluppawlu sintomi ta’ deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs u huwa avżat li jċempel fuq il-helpline tas-Saħħa Pubblika u ma jmurx la għand tabib u lanqas għand spiżerija. F’każijiet hekk l-ikel se jkun ipprovdut fil-kamra u jitħalla fuq l-għatba tal-bieb.

Nota oħra importanti hija dwar meta turist jiġi biex jirritorna lura pajjiżu. Jekk ma jiżviluppawx sintomi tul il-btala, u t-titjira tat-tluq taqa’ fil-perjodu ta’ kwarantina mandatorja, turist għandu jingħata l-permess biex jivjaġġa lura pajjiżu.​

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli stqarret li tifhem kemm dan huwa żmien ta’ sfida iżda temmen li l-industrija tat-turiżmu minn dejjem kienet reżiljenti, u kunfidenti li bħala Maltin se nqumu għall-okkażjoni.

Il-ministru żiedet tgħid li qed isir ħafna xogħol minn wara l-kwinti fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin u saħqet li barra s-saħħa tan-nies, dejjem żammet quddiem għajnejha l-impjiegi u l-impatt fuq il-familji u nsistiet li diġà ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet wara laqgħat ma’ numru ta’ stakeholders u minn ħin għall-ieħor flimkien mal-Prim Ministru se jkunu qed jiġu kkomunikati aktar miżuri li jeħtieġu l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.

Il-Ministru Farrugia Portelli appellat għall-kuraġġ u talbet għall-għaqda biex flimkien nikkombattu dan l-episodju ikrah li laqat lid-dinja kollha.​